L-Aħħar Aħbarijiet
Mejju 11, 2021


Mejju 05, 2021
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li tlieta u sebgħin ħaddiem mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkunu qed jingħataw taħriġ permezz ta’ żewġ programmi speċjalizzati, wieħed dwar il-vulnerabbiltajiet fost l-anzjani, u ieħor dwar kif wieħed jista’ jgħin lill-anzjani permezz tal-arti, li tinkludi mużika, tpinġija u drama.
Dawn il-programmi se jkunu offruti mill-Università ta’ Malta hekk kif ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Università u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità. Il-Ministru Farrugia qal li filwaqt li diġà jeżistu diversi ftehimiet mal-Università ta’ Malta, dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet f’diversi oqsma ta’ tagħlim matul il-ħajja.
Huwa tkellem dwar l-importanza li lill-ħaddiem inkomplu nagħtuh it-taħriġ kollu possibbli biex ikun jista’ jagħti servizz ta’ kwalità. Il-Ministru Farrugia qal li programmi bħal dawn se jkunu qed jassiguraw propju dan filwaqt li jassiguraw li l-anzjani jirċievu l-aħjar servizzi possibbli.
Il-Ministru qal li d-Dipartiment se joffri wkoll placements għal studenti universitarji li qegħdin isegwu xi korsijiet relatati mal-ġerantoloġija. Dan se jwassal biex il-ħaddiema jkunu mgħarrfa aktar dwar kif jidentifikaw vulnerabbiltà fost l-anzjani jew abbuż, jidentifikaw jekk anzjan ikunx qed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u b’hekk ikunu jistgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa.
Dan jgħin lill-ħaddiema jkunu aktar konxji tal-vulnerabbiltajiet tal-anzjani filwaqt li jgħarrfuhom minn kmieni biex id-Dipartiment ikun jista’ jintervjeni b’mod immedjat. Barra minn hekk, permezz tal-arti, l-anzjani jgħixu ħajja attiva hekk kif jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.
Kull programm, li huwa sponsorjat mid-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fih għoxrin siegħa mifruxin fuq tliet xhur. Fi tmiem il-programm jingħata ċertifikat t’attendenza.
Mar 26, 2021
Il-Gvern se jkun qed iżid l-għajnuna finanzjarja li jipprovdi bħala sussidju lil dawk l-anzjani li jimpjegaw carer kwalifikata biex tgħinhom fil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li minn din is-sena, kif imħabbar fil-Budget 2021, il-Gvern se jkun qed iżid is-sussidju bi kważi €800, għal €6,000 fis-sena.
Huwa spjega li l-iskema carer-at-home tnediet bħala proġett pilota f’Jannar tas-sena 2016. Fil-bidu tal-iskema, l-għajnuna finanzjarja kienet ta’ €4,500 fis-sena u fl-ewwel sena, kienu bbenefikaw mal-57 persuna.
Żied jgħid li matul is-snin li ilha titħaddem, id-domanda baqgħet tiżdied u llum hemm madwar 518-il ċittadin anzjan li jibbenefika minn din l-iskema.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-iskop ta’ din l-iskema huwa li tittardja kemm jista’ jkun il-ħtieġa li l-anzjani jmorru jgħixu ġewwa faċilità ta’ kura fit-tul.
“L-iskop tal-Gvern huwa li nkomplu dejjem intejbu, insaħħu, u nżidu s-servizzi li noffru fil-komunità biex l-anzjani jsibu dejjem min jieħu ħsiebhom u fl-istess ħin, inkunu qed innaqqsu s-solitudni fost l-anzjani li jgħixu waħedhom u anke ngħinuhom biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar fil-kumdità ta’ djarhom,” qal il-Ministru Farrugia.
Dan is-sussidju jagħmel tajjeb bħala parti mill-paga li tirċievi l-carer. Filwaqt li l-benefiċċju massimu jitħallas lil min jimpjega carer fuq bażi full-time, il-benefiċċju jkun wieħed pro-rata għal dawk l-anzjani li jimpjegaw carer fuq bażi part-time. Bħalissa hemm 364 carer full-time filwaqt li 154 carer huma impjegati fuq bażi part-time.
Il-Gvern jalloka €3 miljuni għal din l-iskema u l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità tirċievi medja ta’ 40 applikazzjoni ġdida fix-xahar.
Il-Ministru Michael Farrugia fakkar li d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità joffri 20 servizz lill-anzjani fil-komunità u minn riċerka li saret riċenti, irriżulta li 97% tal-anzjani li jirċievu xi wieħed jew iżjed minn dawn is-servizzi, huma sodisfatti ħafna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo Degabriele spjega li anzjan ikun jista’ japplika għal dan is-servizz billi jissottometti formola li tiġi evalwata mit-tim professjonali CommCare fi ħdan id-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-carer tal-għażla tal-anzjan jeħtieġ li jkollu l-kwalifikazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun eleġibbli.
Mar 17, 2021
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-għan tal-gvern huwa li jkompli jaħdem biex jiffaċilita l-interazzjoni soċjali u jipprevjeni kemm jista’ jkun l-iżolament fost l-anzjani.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għadu kif laħaq ftehim ma’ Willingness Hub, li hija kumpanija magħmula minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti, biex jinbeda programm ta’ taħriġ dwar it-teknoloġija tal-informatika u s-saħħa mentali għall-anzjani.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li fil-ġimgħat li għaddew, diġà ttieħdu diversi inizjattivi f’dan il-qasam, fosthom l-estensjoni tal-wifi f’kull parti tad-djar tal-anzjani kollha, filwaqt li se jinbeda proġett simili f’parti minn San Vinċenz de Paul. Sostna li matul dan iż-żmien ta’ pandemija ħarġet aktar minn qatt qabel il-vulnerabbiltà tal-anzjani. Dan irriżulta f’sitwazzjonijiet fejn diversi anzjani bdew iħossuhom waħedhom u soċjalment iżolati.
Huwa żied jgħid li, “Il-midja soċjali, tgħin lin-nies jibqgħu f’kuntatt ma’ persuni oħrajn fil-komunità filwaqt li r-riċerka turi li l-anzjani huma anqas probabbli li jkunu litterati fit-teknoloġija tal-informatika għax ma kellhomx opportunitajiet aktar kmieni matul ħajjithom. Għalhekk, dan it-taħriġ għandu l-għan li jipprovdi għarfien dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika lil persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena, b’enfasi speċjali fuq is-saħħa mentali u kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom”.
Dan il-proġett se jkun imqassam fuq medda ta’ tliet snin u t-taħriġ se jkun ipprovdut kemm lil dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità u anke lil dawk li jgħixu fi djar residenzjali. Dan se jkun jista’ jibda ladarba jerġgħu jinfetħu ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li dan il-gvern huwa gvern għan-nies, gvern li għandu saqajh mal-art li jagħraf il-bżonnijiet tan-nies, speċjalment tal-anzjani.