aacc.gov.mt

Kura għal Persuni li Jgħixu bid-Dimensja

GENERAL

X’inhi Dimensja?

Id-dimensja hija kundizzjoni li taffettwa l-moħħ u li normalment hija kronika jew progressiva fin-natura tagħha. Hija terminu ġenerali għal firxa ta’ kundizzjonijiet li jaffettwaw il-memorja, l-abbiltajiet konjittivi u l-imġiba, li jinterferixxu b’mod sinifikanti l-abbilta’ li persuna twettaq attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum. Għalkemm l-età hija l-iktar fattur ta’ riskju magħruf, id-dimensja mhijiex parti normali mil-proċess tax-xjuħija. Minbarra s-sintomi konjittivi, individwi jistgħu jesperjenzaw sintomi psikoloġiċi u ta’ mġiba, bħal imġiba impulsiva, delużjonijiet, alluċinazzjonijiet, aggressjoni, aġitazzjoni, ansjetá u dipressjoni.

Tipi ta Dimensja

Jeżistu diversi tipi ta’ dimensja, bl-iktar waħda komuni tkun il-marda ta’ Alzheimer, li tammonta għal madwar 70% tal-każijiet. Tipi oħra komuni jinkludu d-dimensja vaskolari, id-dimensja Lewy-Body, id-dimensja frontotemporali, u dimensja assoċjata ma’ mard newrodeġenerattiv bħal dak ta’ Parkinson u Huntingtons. Il-vjaġġ ta’ kull persuna bid-dimensja hija unika, iżda ħafna individwi jgħaddu minn progressjoni gradwali, minn sintomi ħfief fl-istadji bikrin għal żieda fl-indeboliment fl-istadji aktar avvanzati.

Sinjali u Sintomi

Id-dimensja fi stadju bikri tista’ spiss tinqabeż jew tiġi d-djanjostikata ħażin, peress li s-sintomi ħafna drabi jiġu meqjusa bħala parti normali tax-xjuħija. Dawn jinkludu telf ta’ memorja riċenti, diffikultà bil-lingwa, diffikulta’ fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u tibdil fil-burdata bħal dipressjoni jew ansjetá. Fl-istadji moderati tal-kundizzjoni, l-individwi jistgħu jsibuha diffiċli jwettqu attivitajiet bażiċi tal-ħajja ta’ kuljum, juru mġiba mhux xierqa, jew jesperjenzaw alluċinazzjonijiet u konfużjoni. Id-dimensja fl-istadju avvanzat twassal għal dipendenza totali, b’nuqqas ta’ memorja severa, telf ta’ mobbilità, u inkontinenza. F’dan l-istadju, il-kura komprensiva ssir essenzjali.

Tiftix għall-Għajnuna

Meta persuna tinnota bidliet sinifikanti fl-attivitajiet ta’ kuljum, għandha tiddiskuti mat-tabib tagħha. Dijanjożi bikrija għandha ħafna benefiċċji. Il-kura tista’ tibda fi stadju bikri flimkien ma’ appoġġ u informazzjoni immedjata. Tagħti wkoll opportunità lin-nies biex jippjanaw għall-futur tagħhom.

Is-Servizz ta’ Sapport għad-Dimensja (Dementia Helpline) jista’ jiġi aċċessat 24/7 għal informazzjoni u gwida billi ċċempel fuq 1771.

Direttorat għall-Kura tad-Dimensja

Id-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja twaqqaf fl-2023 taħt il-mandat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jipprovdi tmexxija strateġika fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja, sabiex jiġi żgurat li l-persuni bid-dimensja jirċievu l-ogħla livell ta’ kura u appoġġ. Permezz tax-xogħol tiegħu, id-direttorat jimmira li jsaħħaħ il-benesseri, id-dinjità, u l-kwalità tal-ħajja tal-individwi li jgħixu bid-dimensja. Biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, id-direttorat jipprovdi diversi servizzi speċjalizzati fosthom id-‘Dementia Intervention Team’ (li jipprovdi sapport fil-komunità wara d-dijanjosi), iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni li jgħixu bid-Dimensja, u l-Helpline tad-Dimensja. Prinċipju fundamentali tad-direttorat huwa l-ħidma kollaborattiva – billi jissieħeb ma’ ħaddiema minn NGOs, u s-setturi privati u volontarji, biex jiġi żgurat li l-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja titwassal b’mod effettiv. Dan l-isforz kollettiv jippromwovi approċċ koordinat għall-iżvilupp ta’ programmi edukattivi, u għarfien fil-pubbliku, u fl-aħħar mill-aħħar, jappoġġja sistema olistika ta’ kura għall-persuni bid-dimensja u dawk li jieħdu ħsiebhom.

Viżjoni u Missjoni

Id-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja jipprevedi soċjetà fejn persuni bid-dimensja u dawk li jieħdu ħsiebhom ikunu mħarrġa, appoġġati u rikonoxxuti bħala membri stmati tal-komunità. L-għan hu li jgħinhom iżommu l-identità tagħhom, ir-reżiljenza u d-dinjità; filwaqt li jkollhom aċċess għas-servizzi li għandhom bżonn biex jgħixu ħajja attiva u ta’ kwalità tajba. Biex din il-viżjoni ssir realtà, id-Direttorat huwa impenjat li jżid il-fehim u l-għarfien pubbliku dwar id-dimensja; jippromwovi strateġiji ta’ prevenzjoni u tnaqqis tar-riskju biex jitnaqqas jew jiġi ddifferit il-bidu tad-dimensja; u jinkoraġġixxi dijanjosi f’waqtha li tkun iċċentrata fuq il-persuna. Hemm ukoll enfasi qawwija fuq il-provvista ta’ kura wara d-dijanjosi li tkun flessibbli, koordinata u ċċentrata fuq il-persuna, sabiex jiġi żgurat appoġġ kontinwu għall-persuni li jgħixu bid-dimensja u dawk li jieħdu ħsiebhom f’firxa ta’ ambjenti.

Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja (2024 – 2031)

L-għan ewlieni tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja huwa li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja, dawk li jieħdu ħsiebhom, u l-familji tagħhom, billi jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li bħalissa qed jiġu affaċjati fil-qasam tal-kura tad-dimensja f’Malta u Għawdex, permezz ta’ oqsma ta’ azzjonijiet:

  • Għarfien u fehim dwar id-dimensja
  • It-tnaqqis tar-riskju
  • Dijanjożi f ’waqtha
  • Għajxien tajjeb bid-dimensja
  • Żvilupp tal-impjegati li jaħdmu f’dan il-qasam
  • Immaniġġjar u kura tad-dimensja
  • Sistemi ta’ riċerka u informazzjoni

Kura u Benesseri tad-Dimensja

Saħħa tal-Moħħ

Ir-riċerka dejjem torbot aktar id-dimensja ma’ fatturi relatati mal-istil ta’ ħajja li ngħixu. Għalkemm m’hemmx kura, adozzjoni ta’ stil ta’ ħajja sana tista’ tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ memorja. L-eżerċizzju regolari jsaħħaħ is-saħħa ġenerali u jnaqqas ir-riskji bħal pressjoni għolja, d-dijabete u l-kolesterol. Dieta bilanċjata u mimlija nutrijenti tappoġġja s-saħħa tal-moħħ u tal-qalb. Li wieħed jibqa’ attiv mentalment u soċjalment—permezz ta’ attivitajiet bħall-puzzles, il-qari jew l-kuntatt regolari ma’ oħrajn —jista’ jgħin biex tinżamm il-funzjoni konjittiva u ittawwal l-iżvilupp tad-dimensja.

Għajxien bid-Dimensja

Dijanjosi tad-dimensja tista’ tkun ta’ sfida emozzjonali, u ġġib magħha sentimenti ta’ dwejjaq u inċertezza. Madankollu, b’appoġġ xieraq, il-persuni jistgħu xorta jgħixu ħajja attiva. Għalkemm m’hemmx kura, mediċini jistgħu jnaqqsu l-progressjoni, u trattamenti mhux mediċinali —bħal rutini, għajnuniet biex itejbu l-memorja u l-empatija—jistgħu jkunu ta’ għajnuna. Il-pjanar kmieni dwar il-kura, il-finanzi u l-bżonnijiet tas-saħħa huwa essenzjali. Id-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja jipprovdi riżorsi siewja għall-individwi u l-familji tul dan il-vjaġġ.

Ngħixu Ħajja Tajba bid-Dimensja

Sabiex persuna tgħix kwalità’ ta’ ħajja tajba bid-dimensja dan jinvolvi promozzjoni ta’ indipendenza, kunfidenza u konnessjonijiet. Li jinvolvu lill-individwi fid-deċiżjonijiet dwar il-kura tagħhom isaħħaħ il-fiduċja u l-istima personali. Il-parteċipazzjoni soċjali u l-attivitajiet fil-komunità huma essenzjali għall-benesseri emozzjonali. Hekk kif il-bżonnijiet jinbidlu, il-kura għandha tadatta. Konversazzjonijiet miftuħa u għarfien akbar jgħinu biex jitnaqqas l-istigma u juru li persuni bid-dimensja jistgħu xorta jgawdu ħajja sinifikanti u ferrieħa ma l-għeżież tagħhom.

Jekk għandek xi mistoqsijiet jew għandek bżonn jew sapport, ninkoraġġuk tikkuntattja lid-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja. Aħna hawn biex ngħinuk.

Tim ta’ intervent tad-Dimenzja

It-Tim ta’ Intervent għad-Dimensja jipprovdi servizz ta’ sapport fil-komunità għal persuni bid-dimensja u dawk li jieħdu ħsiebhom permezz ta’ assessjar olistiku fid-dar, tfassil ta’ pjanijiet ta’ kura personalizzati li jistgħu jinkludu edukazzjoni, taħriġ, gwida dwar is-sigurtà, u strateġiji biex ilaħħqu mas-sitwazzjoni, segwiti minn ‘follow-ups’ regolari u aġġustamenti skont il-ħtiġijiet tal-persuna. Dan kollu bil-għan li tiġi mtejjba l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni bid-dimensja, u jipprovdulhom is-servizzi kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu b’mod attiv fil-komunità.

Ċentri għal Persuni bid-Dimensja

Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għal-Persuni bid-Dimensja, li jinsabu madwar Malta u Għawdex, joffru servizzi speċjalizzati ta’ kura matul il-jum billi jipprovdu attivitajiet terapewtiċi, sapport professjonali, u mistrieħ għal dawk li jieħdu ħsiebhom. Dawn is-servizzi jgħinu biex titnaqqas it-tagħbija fuq dawk li jieħdu ħsiebhom u wrew li jnaqqsu l-istress u jtejbu l-benesseri psikoloġiku tagħhom. Professjonisti mħarrġa u ‘carers’ jiffaċilitaw u jipprovdu terapija u attivitajiet personalizzati li jaqdu l-ħtiġijiet u l-preferenzi individwali filwaqt li jiġu mmaniġġjati l-effetti tal-kundizzjoni.

Telecare on the Move

Is-servizz tat-Telecare on the Move joffri possibilità lill-persuni bid-dimensja, li jibqgħu attivi u mobbli fil-komunità sabiex b’hekk, ma jitpoġġewx restrizzjonijiet żejda fuq il-libertajiet tal-individwi. Dan is-servizz jinkoraġġixxi persuni bid-dimensja biex jibqgħu jgħixu f’darhom stess u fil-komunità.

iSupport għad-Dimensja

iSupport huwa kors imfassal mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, għal dawk li jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja, inklużi membri tal-familja, qraba u ħbieb. Dan il-programm edukattiv huwa disponibbli onlajn b’xejn.

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.