X'inhi Dimensja?

Id-dimensja huwa terminu li jiddeskrivi numru ta’ kundizzjonijiet ikkaratterizzati minn deterjorament filfunzjonijiet mentali li jinkludu memorja, teħid tad-deċiżjonijiet, abbiltajiet kommunikattivi u bidliet fl-imġieba li jkunu biżżejjed sabiex jinterferixxu fil-ħajja normali ta’ kuljum. Għalkemm id-dimensja kull ma jmur qed isir aktar prevalenti fil-popolazzjoni tal-adulti mdaħħlin fl-età, dimensja li jkollha bidu f’età zghira tezisti wkoll u li ħafna drabi tiġi ddijanjostikata b’mod żbaljat

Id-dimensja hija sindromu kkaġunat minn nuqqas ta’ funzjoni fil-moħħ, normalment ta’ natura kronika jew progressiva, fejn ikun hemm disturb ta’ proċessi għolja kortikali u multipli, li jinkludu l-memorja, l-ħsieb, l-orjentazzjoni, l-komprensjoni, l-kalkulazzjoni, l-kapaċità tat-tagħlim, il-lingwa u l-ġudizzju. Ħafna minn dawn is-sintomi ta’ funzjoni konjittiva huma riżultat ta’ bidliet strutturali u kimiċi li jseħħu fil-moħħ u li jwasslu għall-mewt konsiderevoli ta’ ċelloli. Hija kundizzjoni progressiva fejn il-pazjenti jkollhom ħafna aktar bżonn t’għajnuna u appoġġ sabiex iwettqu l-attivitajiet bżonnjużi fil-ħajja ta’ kuljum. Individwi bid-dimensja jistgħu jiżviluppaw wkoll sintomi t’imġieba u psikoloġiċi li jinkludu komportament diffikultuż, delużjonijiet u alluċinazzjonijiet, aggressjoni verbali u fiżika, aġitazzjoni, ansjetà u depressjoni. Minkejja individwi differenti jesperjenzaw id-dimensja b’mod differenti, huwa kruċjali li wieħed jifhem kif il-marda tiprogressa fl-ippjanar u fl-għoti tal-ammont ġust ta’ kura, kif ukoll flgħajnuna meħtieġa lil min jagħti l-kura u lill-pazjenti sabiex jipprevedu il-bidliet li jkunu ser iseħħu maż-żmien.

Hemm diversi tipi ta’ dimensja, bl-Alzheimer’s disease (AD) tgħodd madwar 70 fil-mija tal-każijiet kollha tad-dimensja. Forom oħra komuni jinkludu dimensja vaskulari, dimensja Lewy-body, dimensja fronto-temporali u dimensja sekondarja għall-mard ieħor li jinkludu kundizzjonijiet newrodeġenerattivi bħall-Parkinson’s disease, Huntington’s disease u sklerożi laterali amijotrofika. Huwa komuni li tipi varji tad-dimensja jikoeżistu (dimensja mħallta), speċjalment filfażijiet tal-aħħar tal-kundizzjoni. Skont il-Global Burden of Disease Report tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), id-dimensja tinkkontribwixxi mal-11.2 fil-mija mill-ħajja b’diżabilità f’persuni ta’60 sena jew aktar. Dan minħabba l-fatt li d-dimensja għandha impatt negattiv u sostanzjali fuq il-ħajja indipendenti fil-popolazzjoni ta’ persuni anzjani.

Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja

Hi stmat li fil-gżejjer Maltin, 6,071 individwu kellhom id-dimensja fl-2015, figura ekwivalenti għall-kważi 1.5 fil-mija tal-popolazzjoni. Hekk kif il-popolazzjoni lokali tkompli tixjieħ, in-numru ta’ individwi bid-dimensja ser jiżdied b’tali mod li sal-2030, huwa mbassar li 9,883 individwu ser ikunu affettwati minnha. Huwa fatt rikonoxxut li d-dimensja tippreżenta sfida psikoloġika u finanzjarja kemm għal dawk bilkundizzjoni u kemm għal dawk li jieħdu ħsiebhom u għall-qraba tagħhom.

L-istrateġija timmira sabiex timplimenta numru ta’ miżuri f’oqsma varji tal-immaniġġjar u tal-kura tad-dimensja bl-għan aħħari li isir titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-individwi bid-dimensja, ta’ min jieħu ħsiebhom u tal-membri tal-familja tagħhom.

Aspett importanti ta’ din l-istrateġija huwa dak li jkun hawn żieda fl-għarfien tad-dimensja fost il-pubbliku ġenerali u fost il-professjonisti fil-kura tas-saħħa sabiex titnaqqas l-istigma u l-kunċetti żbaljati dwar din il-kundizzjoni.

Approċċ ħolistiku fil-proviżjoni ta’ servizzi għall-individwi bid-dimensja, il-persuni li jieħdu ħsiebhom u membri tal-familja tagħhom ser jiġi adottat. Apparti milli jiġu offruti għażliet farmakoterapewtiċi lill-pazjenti bl-Alzheimer’s disease, individwi li jirċievu dijanjożi tad-dimensja ser ikollhom pjanijiet ta’ kura żviluppati minn tim multidixxiplinari speċjalizzat fl-immaniġġjar u kura tad-dimensja.