Applikazzjonijiet

Applikazzjoni għas-Servizzi għall-Anzjani

Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandu l-għan sabiex jippromovi anzjanità attiva kif ukoll kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani. Id-dipartiment jipprovdi diversi servizzi ta’ sapport u kura tas-saħħa permezz ta’ kura personalizzata li tiffoka fuq benefiċċji tanġibbli u kura sostenibbli fit-tul. Id-dipartiment jipprovdi wkoll servizzi fil-komunità bħala parti mill-impenn tiegħu sabiex ikompli jagħti sapport lill-anzjani li jgħixu fil-komunità u b’hekk jipposponi l-bżonn li jidħlu għal kura fit-tul. 

Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja

Fetħu n-nominazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja. Dan il-premju huwa ċelebrazzjoni ta’ impenn u dedikazzjoni fis-settur tad-Dimensja. Dawn il-premjijiet jagħtu lil dawk nominati rikonoxximent għall-isforzi pożittivi tagħhom, b’tama li jispiraw lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess. Din is-sena l-bord qiegħed jilqa’ applikazzjonijiet għal 3 premjijiet: għall-Kontribut Eċċezzjonali fid-Dimensja, għall-Carer Informali u għall-Professjonist jew Tim fil-Qasam tad-Dimensja

Inħeġġukom tinnominaw persuni jew entitajiet li bil-ħidma tagħhom ħallew impatt pożittiv fis-settur tad-Dimensja f’Malta.  L-applikazzjonijiet jagħlqu fis-16 t’Ottubru 2023.

Konferenza Multidixxiplinarja fuq il-Kontinenza

Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva flimkien mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Faċilità ta’ Kura fit-Tul ta’ San Vinċenz De Paul, ser jorganizzaw l-ewwel Konferenza Multidixxiplinarja fuq il-Kontineza f’Malta. Din il-konferenza ser issir b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ Rjali tat-Tobba u Kirurgi ta’ Glasgow (Royal College of Physicians and Surgeons), nhar it-Tnejn, 23 t’Ottubru 2023 fis-sala ‘Oracle’ ġewwa l-lukanda tad-Dolmen fil-Qawra. Sabiex tattendi, persuna għandha tħallas €100, madanakollu, studenti ‘undergraduate’ huma mitluba jħallsu €60 wara verifika li huma studenti. Għal iktar informazzjoni, inkluż il-programm tal-konferenza u l-kelliema, jekk jogħġobkom, żuru l-website tal-MMCC: https://mmcc.gov.mt/ .

iSupport għad-Dimensja

iSupport huwa kors ta’ għajnuna, imfassal mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Dan il-programm edukattiv onlajn huwa għal dawk li jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja, u huwa disponibbli mingħajr ħlas. Il-kors għandu 5 taqsimiet u jieħu madwar 7 sigħat biex jitlesta kompletament. Meta tirreġistra fil-kors, tkun tista’ tagħżel li tagħmel it-taqsimiet u l-lezzjonijiet kollha konsekuttivament, jew tagħżel li tagħmel il-lezzjonijiet li huma l-aktar rilevanti għalik. Il-lezzjonijiet kollha jikkonsistu f’qari qasir, eżempji deskrittivi u diversi eżerċizzji. Min ikun qed jagħmel il-kors se jkun qed jirċievi feedback waqt li jkun qed jaħdem l-eżerċizzji. Jinħareġ iċ-ċertifikat meta il-parteċipant ilesti t-taqsimijiet u l-eżerċizzji kollha, flimkien mal-istħarriġ fuq il-kors.

Kura tad-Dimensja fid-Dar

Dan il-kors huwa maħsub għal dawk il persuni li joffru kura lil membri tal-familja, qraba u ħbieb bid-dimensja. It-terminu “persuniali toffri kura lil tal-familja” jirreferi għal dawk il-persuni li jieħdu ħsieb il-qraba u dawk l-aktar għal qalbhom u ma jitħallsux formalment għas-servizz li jagħtu. Ir-riċerka stabbiliet li l-biċċa l-kbira tal-kura hija pprovduta minn dawn il-persuni li joffru kura lil tal-familja. Waħda mill-għanijiet tal-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimenzja ta’ Malta 2013-2020, hija li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ individwi li jgħixu bid-dimensja, il-persuni li joffru kura u l-membri tal-familja tagħhom.

Dan is-servizz huwa pprovdut minn San Vinċenz De Paul faċilità ta’ kura fit-tul, fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva.