L-Aħħar Aħbarijiet

Mejju 11, 2021

Min-nhar it-Tnejn li ġej, se tkun qed tiddaħħal it-tielet fażi ta’ rilaxx mir-restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani. 
 
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega li wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, l-Awtorità għall-Istandards għall-Ħarsien Soċjali se timxi lejn it-tielet fażi ta’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet waqt żjarat minn persuni lil qrabathom fid-djar kollha tal-anzjani u fir-Residenza San Vinċenz de Paul. 
 
Il-Ministru Michael Farrugia fakkar li fl-aħħar ta’ April tħabbret it-tieni fażi ta’ żjarat mingħajr perspex. “L-ewwel u t-tieni rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani kienu inkoraġġanti u għalhekk, mit-Tnejn 17 ta’ Mejju 2021, se tkun introdotta t-tielet fażi. Ir-restrizzjonijiet se jitnaqqsu b’kawtela biex kull darba jkun evalwat l-impatt qabel jittieħed pass ieħor”, qal il-Ministru Farrugia.
 
Għaldaqstant, mit-Tnejn 17 ta’ Mejju 2021, se jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri:
 
• Iż-żjarat ta’ 25 minuta ’l waħda se jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa. Żewġ qraba mill-istess dar jistgħu jżuru resident fid-dar tal-anzjani. B’hekk sa sitt persuni jkunu jistgħu jagħmlu appuntament.
• Residenti li għandhom id-dimensja jista’ jibqa’ jkollhom żjara ta’ 15-il minuta kuljum. Kull darba jistgħu jżuruhom sa żewġ persuni mill-istess dar. 
• L-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza u miżuri oħrajn iridu jibqgħu jkunu osservati. 
• Dan se jkun jgħodd ukoll għar-Residenza San Vinċenz de Paul.
 
Il-Ministru Michael Farrugia ħeġġeġ biex aktar membri tal-pubbliku jibqgħu jirreġistraw u jattendu għall-appuntamenti tagħhom biex jirċievu l-vaċċin. “B’dan il-mod, inkunu nistgħu nkomplu niftħu aktar żjarat fid-djar kollha tal-anzjani u fir-Residenza San Vinċenz de Paul,” żied jgħid.
 
Huwa ħabbar ukoll li mit-Tnejn 24 ta’ Mejju 2021, se jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri:
 
• Iċ-ċentri ta’ matul il-jum ser jerġgħu jinfetħu b’numru ta’ miżuri, fosthom iż-żamma tad-distanza soċjali. Kull ċentru ta’ kuljum ser jkun qed jilqa’ fih anzjani u żewġ membri tal-istaff biex tinżamm id-distanza soċjali. In-numru ta’ anzjani se jkompli jiżdied wara diskussjoni u konsultazzjoni meħtieġa mal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. 
 
• Djar residenzjali tal-anzjani u r-Residenza San Vincenz de Paul se jibdew jorganizzaw ħarġiet għar-residenti rispettivi tagħhom filwaqt li jirrispettaw is-sistema tal-bubble tal-istess dar.
 

Mejju 05, 2021

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li tlieta u sebgħin ħaddiem mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkunu qed jingħataw taħriġ permezz ta’ żewġ programmi speċjalizzati, wieħed  dwar il-vulnerabbiltajiet fost l-anzjani, u ieħor dwar kif wieħed jista’ jgħin lill-anzjani permezz tal-arti, li tinkludi mużika, tpinġija u drama.

Dawn il-programmi se jkunu offruti mill-Università ta’ Malta hekk kif ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Università u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità. Il-Ministru Farrugia qal li filwaqt li diġà jeżistu diversi ftehimiet mal-Università ta’ Malta, dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet f’diversi oqsma ta’ tagħlim matul il-ħajja.

Huwa tkellem dwar l-importanza li lill-ħaddiem inkomplu nagħtuh it-taħriġ kollu possibbli biex ikun jista’ jagħti servizz ta’ kwalità. Il-Ministru Farrugia qal li programmi bħal dawn se jkunu qed jassiguraw propju dan filwaqt li jassiguraw li l-anzjani jirċievu l-aħjar servizzi possibbli.

Il-Ministru qal li d-Dipartiment se joffri wkoll placements għal studenti universitarji li qegħdin isegwu xi korsijiet relatati mal-ġerantoloġija. Dan se jwassal biex il-ħaddiema jkunu mgħarrfa aktar dwar kif jidentifikaw vulnerabbiltà fost l-anzjani jew abbuż, jidentifikaw jekk anzjan ikunx qed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u b’hekk ikunu jistgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa.

Dan jgħin lill-ħaddiema jkunu aktar konxji tal-vulnerabbiltajiet tal-anzjani filwaqt li jgħarrfuhom minn kmieni biex id-Dipartiment ikun jista’ jintervjeni b’mod immedjat. Barra minn hekk, permezz tal-arti, l-anzjani jgħixu ħajja attiva hekk kif jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.

Kull programm, li huwa sponsorjat mid-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fih għoxrin siegħa mifruxin fuq tliet xhur. Fi tmiem il-programm jingħata ċertifikat t’attendenza.

Mar 26, 2021

​Il-Gvern se jkun qed iżid l-għajnuna finanzjarja li jipprovdi bħala sussidju lil dawk l-anzjani li jimpjegaw carer kwalifikata biex tgħinhom fil-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum.  

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li minn din is-sena, kif imħabbar fil-Budget 2021, il-Gvern se jkun qed iżid is-sussidju bi kważi €800, għal €6,000 fis-sena.

Huwa spjega li l-iskema carer-at-home tnediet bħala proġett pilota f’Jannar tas-sena 2016. Fil-bidu tal-iskema, l-għajnuna finanzjarja kienet ta’ €4,500 fis-sena u fl-ewwel sena, kienu bbenefikaw mal-57 persuna. 

Żied jgħid li matul is-snin li ilha titħaddem, id-domanda baqgħet tiżdied u llum hemm madwar 518-il ċittadin anzjan li jibbenefika minn din l-iskema. 

Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-iskop ta’ din l-iskema huwa li tittardja kemm jista’ jkun il-ħtieġa li l-anzjani jmorru jgħixu ġewwa faċilità ta’ kura fit-tul.

“L-iskop tal-Gvern huwa li nkomplu dejjem intejbu, insaħħu, u nżidu s-servizzi li noffru fil-komunità biex l-anzjani jsibu dejjem min jieħu ħsiebhom u fl-istess ħin, inkunu qed innaqqsu s-solitudni fost l-anzjani li jgħixu waħedhom u anke ngħinuhom biex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar fil-kumdità ta’ djarhom,” qal il-Ministru Farrugia.

Dan is-sussidju jagħmel tajjeb bħala parti mill-paga li tirċievi l-carer. Filwaqt li l-benefiċċju massimu jitħallas lil min jimpjega carer fuq bażi full-time, il-benefiċċju jkun wieħed pro-rata għal dawk l-anzjani li jimpjegaw carer fuq bażi part-time. Bħalissa hemm 364 carer full-time filwaqt li 154 carer huma impjegati fuq bażi part-time.

Il-Gvern jalloka €3 miljuni għal din l-iskema u l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità tirċievi medja ta’ 40 applikazzjoni ġdida fix-xahar.

Il-Ministru Michael Farrugia fakkar li d-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità joffri 20 servizz lill-anzjani fil-komunità u minn riċerka li saret riċenti, irriżulta li 97% tal-anzjani li jirċievu xi wieħed jew iżjed minn dawn is-servizzi, huma sodisfatti ħafna. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo Degabriele spjega li anzjan ikun jista’ japplika għal dan is-servizz billi jissottometti formola li tiġi evalwata mit-tim professjonali CommCare fi ħdan id-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-carer tal-għażla tal-anzjan jeħtieġ li jkollu l-kwalifikazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun eleġibbli.

pr210602a.jpg

Mar 17, 2021

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-għan tal-gvern huwa li jkompli jaħdem biex jiffaċilita l-interazzjoni soċjali u jipprevjeni kemm jista’ jkun l-iżolament fost l-anzjani.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għadu kif laħaq ftehim ma’ Willingness Hub, li hija kumpanija magħmula minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti, biex jinbeda programm ta’ taħriġ dwar it-teknoloġija tal-informatika u s-saħħa mentali għall-anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li fil-ġimgħat li għaddew, diġà ttieħdu diversi inizjattivi f’dan il-qasam, fosthom l-estensjoni tal-wifi f’kull parti tad-djar tal-anzjani kollha, filwaqt li se jinbeda proġett simili f’parti minn San Vinċenz de Paul. Sostna li matul dan iż-żmien ta’ pandemija ħarġet aktar minn qatt qabel il-vulnerabbiltà tal-anzjani. Dan irriżulta f’sitwazzjonijiet fejn diversi anzjani bdew iħossuhom waħedhom u soċjalment iżolati.

Huwa żied jgħid li, “Il-midja soċjali, tgħin lin-nies jibqgħu f’kuntatt ma’ persuni oħrajn fil-komunità filwaqt li r-riċerka turi li l-anzjani huma anqas probabbli li jkunu litterati fit-teknoloġija tal-informatika għax ma kellhomx opportunitajiet aktar kmieni matul ħajjithom. Għalhekk, dan it-taħriġ għandu l-għan li jipprovdi għarfien dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika lil persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena, b’enfasi speċjali fuq is-saħħa mentali u kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom”.

Dan il-proġett se jkun imqassam fuq medda ta’ tliet snin u t-taħriġ se jkun ipprovdut kemm lil dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità u anke lil dawk li jgħixu fi djar residenzjali. Dan se jkun jista’ jibda ladarba jerġgħu jinfetħu ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani.

Il-Ministru Farrugia temm jgħid li dan il-gvern huwa gvern għan-nies, gvern li għandu saqajh mal-art li jagħraf il-bżonnijiet tan-nies, speċjalment tal-anzjani.​