Dikjarazzjoni ta' Missjoni
Il-viżjoni korporattiva tagħna hija li nkunu ċentru ta’ eċċellenza fil-kura ffukata fuq il-klijent permezz ta’ prattiki ta’ innovazzjoni u kura ġerjatrika speċjalizzata għal persuni li huma dipendenti ħafna u għandhom bżonnijiet kumplessi.
Taħriġ Kontinwu ġewwa SVP
Il-popolazzjoni Maltija qed tgħix iktar fit-tul. Dan qed iwassal għal soċjetà iktar b’saħħitha. Hekk kif in-numru tal-anzjani qed jikber, u huma qed jgħixu iktar fit-tul, dan qed iwassal għal domanda ikbar ta’ sodod, bżonn ikbar ta’ swali li huma dementia friendly kif ukoll numru ikbar ta’ ħaddiema f’dan il-qasam. It–Training Centre ġewwa San Vinċenz de Paul, mhux biss qed jagħlaq id-distakk bejn it-teorija u l-prattika iżda qed jinkoraġġixxi t-tim multi-dixxiplinari biex ikollu l-ħiliet u attitudni meħtieġa sabiex il-klijent ikollu kura iktar ħolistika u individwali. L-għan prinċipali ta’ dan il-kors hu sabiex intejbu l-kwalità ta’ ħajja fost l-anzjani tagħna. Agħfas hawn biex tapplika.
Fil-Faċilita’ għall-Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul tnieda proġett permezz tal-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġonali ERDF 04.069, fejn ġew installati sistemi effiċjenti tal-enerġija u li jikkonsisti fl-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ arja kkundizzjonata, ventilazzjoni, mezzi tad-dawl u tisħin. Dan il-proġett ġie jiswa 3.3 miljun Ewro.
Is-sistemi kurrenti ta’ arja kkundizzjonata f’San Vinċenz, apparti dawk fis-swali li għadhom kif ġew rinovati, kienu qdiemu u għalhekk permezz ta’ studji nħass il-bżonn li dawn is-servizzi jiġu aġġornati. L-għan tal-proġett għalhekk hu li jintroduċi tagħmir smart u effiċjenti fl-enerġija f’21 sala. Il-blokki ta’ Padre Pio, Serenity, Madre Teresa, is-swali kollha St. Frances u St. Joseph ibbenifikaw minn dan il-proġett. Ix-xogħol irrikjeda wkoll l-installazjoni ta’ suffitti moderni, b’akustika aħjar u b’karatteristriċi konta l-ħruq.
Ix-xogħolijiet f’kull sala kellhom l-isfidi tagħhom, speċjalment dawk loġistiċi u anke fi żmien il-pandemija COVID 19. Sabiex titnaqqas l-inkonvenjenza, ir-residenti fis-swali li fihom sar ix-xogħol ġew trasferiti temporanjament fi swali li nħolqu apposta.
Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss sar titjib fil-ħajja u d-dinjità tal-anzjani, impjegati u viżitaturi, iżda wkoll tnaqqas drastikament l-użu tal-enerġija fil-Faċilta’ u b’hekk nimxu fid-direzzjoni ta’ direttivi Ewropej dwar il-qasam, primarjament il-Green Deal. Il-Kummissjoni Ewropea tisħaq għall-implimentazzjoni ta’ miżuri u inizjattivi sabiex l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem nett fid-dinja b’inizjattivi li jistgħu jsalvaw il-pjaneta tagħna mill-perikli li qed jinħolqu mit-tibdil fil-klima.