Servizz ta’ Psikoterapija
Il-Psikoterapija tgħin nies li għandhom diffikultajiet fuq livell ta’ mġieba u emozzjonijiet. Permezz tal-psikoterapija, il-persuna tista’ tidentifika u tbiddel dawn l-emozzjonijiet, ħsibijiet, u mġieba bl-għan li jgħixu kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Dan is-servizz ta’ psikoterapija jista’ jgħin lill-anzjani li jinsabu fid-djar residenzjali kif ukoll dawk fil-komunita’ sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.
X'SE TINGĦATA
Is-servizz jinkludi:
- Sessjonijiet individwali lill-klijenti li jgħixu f’residenzi tal-anzjani kif ukoll fil-komunità (skont il-bżonnijiet).
- Sessjonijiet fi gruppi lill-klijenti li jgħixu f’residenzi tal-anzjani kif ukoll fil-komunità (skont il-bżonnijiet).
Anzjani fil-komunità se jkunu jistgħu jattendu għal dawn is-sessjonijiet fi kliniki li jinstabu fiż-Żurrieq, Birkirkara jew l-Imtarfa skont fejn jgħix il-klijent.
ELIĠIBBILTÀ
Klijenti li għandhom jiġu riferuti għal dan is-servizz jeħtieġu li jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ hawn taħt:
- Anzjani li għandhom 60 sena `l fuq.
- Il-klijenti jew il-carers informali tagħhom għandhom ikunu qegħdin jirċievu minn tal-inqas wieħed jew aktar mis-servizzi offruti mill-Anzjanita Attiva u Kura fil-Komunità.
KRITERJI GĦAL RIFERIMENT
Raġunijiet għal xiex wieħed jista’ jiġi riferut għall-interventi psikoterapewtiċi huma:
- Diffikultajiet biex wieħed jaddatta għal:
- Kundizzjoni fiżika ġdida;
- Djanjożi ġdida;
- Dħul f’residenza għall-anzjani;
- Ħajja wara telfa ta’ qarib.
- Esperjenzi frekwenti t’ansjetà, dwejjaq, nuqqas ta’ tama;
- Nuqqas ta’ nteress jew konċentrazzjoni; f’attivitajiet ta’ kuljum
- Tibdil estrem fl-aptit u / jew fir-rutina tal-irqad.
F’każijiet ta’ limitazzjonijiet konjittivi severi, irid jingħata kunsens mill-kuratur tal-klijent. Importanti li wieħed jinnota li f’każijiet simili, il-klijent jaf ma jiggwadanjax minn dan is-servizz.
DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA
Applikazzjoni mimlija inkluż ir-Rapport Mediku ffirmat mit-tabib ta’ l-applikant.
Jekk inti tixtieq tnizzel l-applikazzjoni u timliha, segwi din il-link
Kliniki tal-psikoterapisti | Indirizz | Ġranet u ħinijiet tal-ftuħ (b’appuntament) |
---|---|---|
Żurrieq | Triq l-Imqabba, Żurrieq ZRQ 1079 | L-Erbgħa (7:00-15:00) |
Birkirkara | Ċentru Ċiviku, Triq Tumas Fenech, Birkirkara BKR 2526 | L-Erbgħa u l-Ġimgħa (7:00-15:00) |
Mtarfa | Dar tal-Anzjani l-Imtarfa, Triq L-Anzjani, Mtarfa | It-Tnejn (7:00-15:00) |
Jekk tixtieq tgħaddi xi suġġeriment jew tagħmel xi lment jekk jogħġbok ikklikkja hawn