X'inhi Anzjanità Attiva?

Anzjanità Attiva tirreferi għal dik is-sitwazzjoni fejn persuni jibgħu jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll billi jinvolvu ruħhom f’attivitajiet produttivi oħra bla ħlas (bħal ma hija għajnuna fil-kura ta’ membri tal-familja u volontorjat), kif ukoll jgħixu stil ta’ ħajja sana, independenti u f’sigurtà hekk kif jikbu l-età

Il-Politika Strateġika Għal Anzjanità Attiva: Malta 2014-2020 tistrieħ fuq tliet temi ewlenin: parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, parteċipazzjoni fis-soċjetà, u għajxien indipendenti. Anzjanità atttiva tirreferi għal sitwazzjoni fejn persuni ta’ età akbar ikomplu jkollhom l-opportunità jieħdu sehem formalment fis-suq tax-xogħol, kif ukoll li jieħdu sehem bla ħlas f’attivitajiet produttivi li jkunu jvarjaw minn provvista ta’ kura lil membri tal-familja għall-volontarjat, waqt li jibqgħu jgħixu ħajja f’saħħithom u indipendenti matul l-anzjanità.

Il-politika tal-anzjanità attiva għandha l-għan li żżid in-numru ta’ ħaddiema ta’ età akbar fis-suq tax-xogħol, waqt li tagħti ċ-ċans lil persuni li jkunu qabżu l-età tal-irtirar biex jibqgħu fl-impjieg jew isibu ieħor. Dawn l-oġġettivi huma meħtieġa biex is-soċjetà tal-lum u tal-ġejjieni tkun tista’ tilqa’ għat-tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ nies fl-età tax-xogħol, u l-impatt li dan ikollu fuq il-proporzjon ta’ dipendenza u l-provista ta’ ħiliet, u għalhekk tagħmel inqas possibbli l-potenzjal ta’ faqar fil-ġejjieni fost nies ta’ età akbar, waqt li fl-istess ħin issaħħaħ il-potenzjal ta’ ħaddiema anzjani biex jagħtu s-sehem tagħhom fit-tkabbir ekonomiku fil-futur. Il-Politika Strateġika Nazzjonali Għal Anzjanità Attiva tressaq dawn ir-rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jkunu msaħħa l-livelli ta’ ħaddiema akbar fl-età: jissokta t-taħriġ vokazzjonali għal adulti ta’ età akbar; titjib dwar saħħa fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fit-teknika tat-trattament tal-età, u fis-servizzi ta’ impjieg; miżuri kostruttivi kontra d-diskriminazzjoni minħabba età; l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ taxxi u benefiċċji; l-inkoraġġiment għal skemi ta’ tagħlim fi ħdan organizzazzjonijiet relatati max-xogħol; u tisħiħ tal-miżuri disponibbli għat-twassil ta’ rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-kura informali.

L-idea ta’ “parteċipazzjoni soċjali” hija t-tema dominanti fid-dikjarazzjonijiet tal-Politika dwar anzjanità attiva. Il-kunċett ta’ anzjanità attiva jaspira għall-parteċipazzjoni attiva ta’ persuna akbar fl-età f’attivitajiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u ċiviċi. Iżda aspirazzjonijiet individwali waħedhom ma humiex biżżejjed biex isostnu stili ta’ għajxien parteċipattiv. Id-determinazzjoni ta’ adulti ta’ età akbar sabiex jiksbu l-ogħla livelli ta’ mpenn soċjali dejjem se ssib reżistenza minn barrieri strutturali, diffikultaiet li jistgħu jispiċċaw f’esperjenzi mhux mixtieqa ta’ esklużjoni materjali u soċjali. Il-Politika Strateġika Nazzjonali Għal Anzjanità Attiva toffri dawn ir-rakkomandazzjonijiet għal inklużjoni soċjali iżjed tard fil-ħajja: l-assigurazzjoni ta’ dħul sigur, adekwat u sostennibbli għall-persuni kollha ta’ età akbar; il-provista ta’ riżorsi finanzjarji u soċjali lil persuni kbar vulnerabbli; ir-rikonoxximent tal-benefiċċji li joħorġu mill-volontarjat ta’ nies akbar fl-età u n-nanniet; it-tisħiħ ta’ opportunitajiet għal tagħlim, għarfien diġitali, ċittadinanza attiva, u solidarjetà interġenerazzjonali iżjed tard filħajja; u l-provista ta’ appoġġ għal kura informali minn persuni ta’ età akbar.

Biex il-perċezzjoni tas-soċjetà dwar l-anzjanità tista’ tinbidel minn waħda ta’ dipendenza għal anzjanità attiva hija meħtiega riforma drastika li taħseb għal indipendenza u dinjità fl-anzjanità. Is-soċjetà tagħna ma tistax tibqa’ kuntenta sempliċiment biż-żieda fenominali flaspettattiva għal għomor itwal, iżda trid tistinka biex ittawwal il-perjodu ta’ snin f’saħħitna u mbagħad toħloq l-opportunitajiet xierqa ta’ attivitajiet fiżiċi u mentali adattati għal persuni ta’ età akbar. It-tisħiħ tal-miżuri għal aktar għarfien dwar is-saħħa, kura u ħarsien, jgħin lil persuni ta’ età akbar biex jaċċertaw il-funjonijiet fiżiċi u mentali tagħhom għal għajxien indipendenti. Il-Politika Strateġika Nazzjonali Għal Anzjanità Attiva toffri dawn irrakkomandazzjonijiet għal titjib fl-għajxien indipendenti iżjed tard fil-ħajja: titjib tas-servizzi tas-saħħa fejn jidħlu prevenzjoni u promozzjoni, riablitazzjoni ġerjatrika, saħħa mentali u benessere, u servizzi ta’ kura fil-komunità lil nies kbar fl-età u adulti; appoġġ għal inizjattivi li jgħinu fil-ħolqien ta’ komunitajiet u servizzi ta’ wens għall-età u d-dimensja; tisħiħ talawtonomija tal-kura fit-tul; li jkunu magħrufa l-abbuż u l-abbandun ta’ persuni akbar fl-età’; u aktar investiment fil-kura qrib tmiem il-ħajja