Is-Servizz tal-Fiżjoterapija
Is-Servizz tal-Fiżjoterapija huwa mmirat li jgħin lill-anzjani jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgawdu ħajja iktar indipendenti u b’hekk igawdu l-aħjar ħajja possibbli. Il-fiżjoterapista, li jifforma parti mit-team tal-Allied Health Professionals, jipprovdi parir/taħriġ dwar terapija u riabilitazzjoni biex jittratta problemi dwar il-mobilità.
X'SE TINGĦATA
Assessjar dettaljat dwar il-mobilità.
Terapija manwali u programmi ta’ eżerċizzji.
Parir/taħriġ fuq kif tuża l-apparat ta’ mobilità b’mod korrett meta ndikat.
Parir/taħriġ għal min ikun qed jieħu ħsieb anzjani fejn ikun hemm bżonn
ELIĠIBBILTÀ
Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:
- Anzjan residenti fid-Djar tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership
- Anzjan li jgħix ġewwa dar tiegħu u li minħabba raġunijiet ta’ saħħa; fraġilità jew minħabba aċċessibbilità ma jistax joħrġ. F’ċertu każijiet, il-fiżjoterapista jista’ jkollu bżonn li jżur lil anzjan fid-dar tiegħu stess
DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA
Dokumentazzjoni ġenerali:
(Fiżjoterapija domiċilju)
- Applikazzjoni mimlija inkluż ir-Rapport Mediku ffirmat mit-tabib tal-applikant.
- Lista ta’ Mediċini Preskritti li l-anzjan qed jieħu (jekk applikabbli)
- Jekk l-anzjan ikun qed jirċievi xi servizz ieħor (e.ż. infermiera fid-dar), Nota ta’ Informazzjoni minn dawn in-nies hija meħtieġa
(Fiżjoterapija f’Dar Residenzjali)
- Formola ta’ Riferiment li trid tiġi mimlija minn infermier jew minn persuna kkwalifikata li taħdem fid-Dar Residenzjali
Jekk inti tixtieq tnizzel l-applikazzjoni u timliha, segwi din il-link
Kiri ta' Sodod b'Għoli Varjabbli u Motorizzati lill-Persuni Eliġibbli li Jgħixu fil-Komunità
Persuna li għandha 60 sena jew aktar, għadha tgħix fil-komunità u ma tistax toħroġ mis-sodda jew ikollha diffikultajiet biex toħroġ mis-sodda, tista’ tikri sodda motorizzata.
X'SE TINGĦATA
- Assessjar dettaljat minn Fiżjoterapista jew Occupational Therapist fid-dar tal-persuna stess biex tiddetermina jekk persuna hijiex eliġibbli għal dan is-servizz jew le.
- Il-persuna eliġibbli għal dan is-servizz tkun trid tħallas disgħa u għoxrin ewro u ħamsin ċenteżmu tal-ewro (€29.50) fix-xahar li jinkludi l-VAT. Il-kumplament tal-ħlas għall-kera tas-sodda motorizzata, flimkien mal-ispejjeż kollha tat-trasport tas-sodda u tal-lifter, fejn ikun hemm bżonn jitħallas mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
- Il-kera ta’ kull xahar titħallas kollha mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità f’każ ta’ dawk il-persuni li għandhom formola roża valida maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
- Is-sodda motorizzata titwassal fid-dar tal-persuna eliġibbli, u tintrama fuq il-post fi żmien ħmistax (15) -il ġurnata tax-xogħol min-notifika lill-kuntrattur mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
ELIĠIBBILTÀ
Dan is-servizz huwa mmirat għal dawk il-persuni li jgħixu fil-komunità u għandhom sittin (60) sena jew aktar, u/jew:
- ma jistgħux joħorġu mis-sodda;
- ikollhom diffikultajiet biex joħorġu mis-sodda;
- huma f’riskju għoli li jiksbu tibdil fl-istruttura tal-muskoli;
- jeħtieġu pożizzjoni addattata tal-ġisem fis-sodda relatata ma’ problemi ta’ saħħa oħra.
TMIEM TAS-SERVIZZ
Il-klijenti jistgħu jwaqqfu dan is-servizz meta jridu. Meta għal xi raġuni jew oħra s-servizz ma jkunx aktar meħtieġ, il-klijenti jew il-qraba tagħhom għandhom javżaw lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità immedjatament. Min-naħa tiegħu l-kuntrattur għandu jiġbor is-sodda lura fi żmien jumejn minn meta jiġi notifikat biex jagħmel dan. Il-ħlas tal-kera jieqaf mid-data li fiha l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tkun notifikata li s-servizz mhux aktar meħtieġ.
DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA
Applikazzjoni mimlija inkluż ir-rapport mediku ffirmat mit-tabib tal-familja. Wieħed għandu jimmarka is-servizz tal-Fiżjoterapija jew Occupational Therapy biex japplika għal dan is-servizz.
Jekk inti tixtieq tnizzel l-applikazzjoni u timliha, segwi din il-link
Jekk tixtieq tgħaddi xi suġġeriment jew tagħmel xi lment jekk jogħġbok ikklikkja hawn