Is-Servizz tal-Fiżjoterapija

Is-Servizz tal-Fiżjoterapija huwa mmirat li jgħin lill-anzjani jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgawdu ħajja iktar indipendenti u b’hekk igawdu l-aħjar ħajja possibbli. Il-fiżjoterapista, li jifforma parti mit-team tal-Allied Health Professionals, jipprovdi parir/taħriġ dwar terapija u riabilitazzjoni biex jittratta problemi dwar il-mobilità.

 

X'SE TINGĦATA

Assessjar dettaljat dwar il-mobilità.

Terapija manwali u programmi ta’ eżerċizzji.

Parir/taħriġ fuq kif tuża l-apparat ta’ mobilità b’mod korrett meta ndikat.

Parir/taħriġ għal min ikun qed jieħu ħsieb anzjani fejn ikun hemm bżonn

ELIĠIBBILTÀ

Kriterji ta’ eliġibbiltà ġenerali:

  • Anzjan residenti fid-Djar tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership
  • Anzjan li jgħix ġewwa dar tiegħu u li minħabba raġunijiet ta’ saħħa; fraġilità jew minħabba aċċessibbilità ma jistax joħrġ. F’ċertu każijiet, il-fiżjoterapista jista’ jkollu bżonn li jżur lil anzjan fid-dar tiegħu stess

DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA

Dokumentazzjoni ġenerali:

(Fiżjoterapija domiċilju)

  • Applikazzjoni mimlija inkluż ir-Rapport Mediku ffirmat mit-tabib tal-applikant. 
  •  Lista ta’ Mediċini Preskritti li l-anzjan qed jieħu (jekk applikabbli)
  •  Jekk l-anzjan ikun qed jirċievi xi servizz ieħor (e.ż. infermiera fid-dar), Nota ta’ Informazzjoni minn dawn in-nies hija meħtieġa

(Fiżjoterapija f’Dar Residenzjali)

  • Formola ta’ Riferiment li trid tiġi mimlija minn infermier jew minn persuna kkwalifikata li taħdem fid-Dar Residenzjali
Jekk inti tixtieq tnizzel l-applikazzjoni u timliha, segwi din il-link

Kiri ta' Sodod b'Għoli Varjabbli u Motorizzati lill-Persuni Eliġibbli li Jgħixu fil-Komunità

Persuna li għandha 60 sena jew aktar, għadha tgħix fil-komunità u ma tistax toħroġ mis-sodda jew ikollha diffikultajiet biex toħroġ mis-sodda, tista’ tikri sodda motorizzata.

X'SE TINGĦATA

  • Assessjar dettaljat minn Fiżjoterapista jew Occupational Therapist fid-dar tal-persuna stess biex tiddetermina jekk persuna hijiex eliġibbli għal dan is-servizz jew le.
  • Il-persuna eliġibbli għal dan is-servizz tkun trid tħallas disgħa u għoxrin ewro u ħamsin ċenteżmu tal-ewro (€29.50) fix-xahar  li jinkludi l-VAT.  Il-kumplament tal-ħlas għall-kera tas-sodda motorizzata, flimkien mal-ispejjeż  kollha tat-trasport tas-sodda u tal-lifter, fejn ikun hemm bżonn jitħallas mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
  • Il-kera ta’ kull xahar titħallas kollha mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità f’każ ta’ dawk il-persuni li għandhom formola roża valida maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
  • Is-sodda motorizzata titwassal fid-dar tal-persuna eliġibbli, u tintrama fuq il-post fi żmien ħmistax  (15) -il ġurnata tax-xogħol min-notifika lill-kuntrattur mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

ELIĠIBBILTÀ

Dan is-servizz huwa mmirat għal dawk il-persuni li jgħixu fil-komunità u għandhom sittin (60) sena jew aktar, u/jew:

  • ma jistgħux joħorġu mis-sodda;
  • ikollhom diffikultajiet biex joħorġu mis-sodda;
  • huma f’riskju għoli li jiksbu tibdil fl-istruttura tal-muskoli;
  • jeħtieġu pożizzjoni addattata tal-ġisem fis-sodda relatata ma’ problemi ta’ saħħa oħra.

TMIEM TAS-SERVIZZ

Il-klijenti jistgħu jwaqqfu dan is-servizz meta jridu.  Meta għal xi raġuni jew oħra s-servizz ma jkunx aktar meħtieġ, il-klijenti jew il-qraba tagħhom għandhom javżaw lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità immedjatament.  Min-naħa tiegħu l-kuntrattur għandu jiġbor is-sodda lura fi żmien jumejn minn meta jiġi notifikat biex jagħmel dan.  Il-ħlas tal-kera jieqaf mid-data li fiha l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tkun notifikata li s-servizz mhux aktar meħtieġ.

DOKUMENTAZZJONI MEĦTIEĠA

Applikazzjoni mimlija inkluż ir-rapport mediku ffirmat mit-tabib tal-familja. Wieħed għandu jimmarka is-servizz tal-Fiżjoterapija jew Occupational Therapy biex japplika għal dan is-servizz.

Jekk inti tixtieq tnizzel l-applikazzjoni u timliha, segwi din il-link

Jekk tixtieq tgħaddi xi suġġeriment jew tagħmel xi lment jekk jogħġbok ikklikkja hawn